Peter Agius jitlob azzjoni Ewropea fuq l-għoli tal-ħajja f'Malta; Jikxef kif il-Gvern ilu sena u nofs ma jinvestiga abbużi tal-prezzijiet

17.06.2025 13:37

Peter Agius jitlob azzjoni Ewropea fuq l-għoli tal-ħajja f'Malta; Jikxef kif il-Gvern ilu sena u nofs ma jinvestiga abbużi tal-prezzijiet

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Video picture
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

L-MEP Peter Agius kiteb lill-Kummissarju Ewropea għall-Kompetizzjoni Teresa Ribera biex tistħarreġ għala l-Awtorita’ tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) f’Malta ilha minn Ottubru 2023 mingħajr Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni; kariga mportanti li trid tiżgura li s-suq ikun verament wieħed ħieles u kompetittiv u tinvestiġa kull abbuż li jwassal għal ogħli fil-prezzijiet għall-konsumaturi.

 

Dr. Agius irrimarka minħabba f’hekk, fl-MCCAA hemm paraliżi sħiħa fl-infurzar tar-regoli kontra l-abbuż fil-kompetizzjoni. Dan jinkludi nuqqas t’azzjoni fil-każ ta’ ftehim minn taħt bejn kumpanniji biex iżommu prezzijiet għoljin a skapitu tal-konsumatur u abbużi minn pożizzjoni dominanti fis-suq – li huma pedamenti importanti fil-liġijiet kemm tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll dawk Maltin.

“Il-familji qed iħossu l-piżijiet tal-għoli tal-ħajja, iżda l-gvern għażel li jħalli l-abbużi għaddejin – tant li lanqas biss irid jappunta l-persuna bis-saħħa li tinvestiga abbużi tal-prezzijiet.” 

Fl-aħħar sentejn, il-poplu Malti u Għawdxi ffaċċja ogħli fil-prezzijiet bla rażan u l-Gvern lanqas ħatar il-kariga mportanti bħal dik ta’ Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni aħseb u ara kemm żgurat li l-konsumaturi ma jerfgħux piżijiet sproporzjonati, 

“L-aġir tal-gvern qed jinkoraġġixxi l-għoli tal-prezzijiet, qed jikser id-drittijiet tal-konsumaturi li ħadna meta dħalna fl-Unjoni Ewropea u l-obbligi li għandha Malta skont il-mudell deċentralizzat tal-UE għall-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni. Mhux se naċċetta li tkasbru d-drittijiet li ksibna bl-Unjoni Ewropea. Aħna ħdimna biex nidħlu fl-Ewropa biex ikollna garanziji u protezzjoni għall-konsumatur. Irridu dawn id-drittijiet bil-fatti mhux bil-paroli biss!” qal Agius.

L-MEP Agius appella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tintervjeni b’urġenza u tivverifika s-sitwazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli Ewropej minn kull Stat Membru. “Il-konsumaturi u n-negozji Maltin jistħoqqilhom suq ġust, trasparenti u kompetittiv,” temm jgħid Agius. “Il-Kummissjoni Ewropea għandha taġixxi bla dewmien.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat

OSZAR »